Malti

MATSEC Malti ĊES Sillabu 22

Links

Sillabu tal-Malti taċ-ĊES 2018

Karti tal-eżami tal-Malti ĊES Livell Ordinarju

Isir f’Settembru wkoll: (L-Ewwel Karta u t-Tieni Karta B) L-Ewwel Karta (Lingwa): l-Oral (15-il minuta) + il-Kitba (siegħa u tliet kwarti) 

It-Tieni Karta (IIA) (Letteratura): 2 Referenzi għall-Kuntest + 3 Komponimenti Letterarji (sagħtejn) 

It-Tieni Karta (IIB) (Letteratura): 2 Referenzi għall-Kuntest + 2 Komponimenti Letterarji (sagħtejn)

 

Ir-Razzjonal

Il-kandidati jiġu eżaminati fl-ilsien u l-letteratura Maltija għal dawn ir-raġunijiet: 

  1. Il-Malti huwa mezz komunikattiv u interattiv li jħaddan fih ukoll l-aspett estetiku u kreattiv. 
  2. Il-Malti jiġbor fih identità lingwistika u kulturali li l-poplu Malti sawwar u għadu qiegħed isawwar.

 

L-Għanijiet

Dan l-eżami jiddetermina: 

  1. Il-livelli varji tal-kandidati fit-tħaddim tal-lingwa f’dak li għandu x’jaqsam mar-riċeviment, il-produzzjoni, u l-interazzjoni.
  2. Il-livelli varji tal-kandidati fil-ħila komunikattiva tagħhom skont ir-reġistru u l-forma li tkun titlob is-sitwazzjoni.
  3. Il-livelli varji tal-kandidati fil-ħila tal-għarfien u l-apprezzament ta’ testi letterarji.

 

L-Oġġettivi

F’dan l-eżami l-kandidati jiġu ttestjati u assessjati f’dawn l-oqsma:

 

  1. L-Ewwel Karta (Lingwa) 
    1. L-Oral (15-il minuta): l-Qari, is-Smigħ, Żewġ Diskussjonijiet fuq (a) temi kurrenti u fuq (b) temi marbuta mal-kultura lingwistika f’Malta. 
    2. Il-Kitba (siegħa u tliet kwarti): Fehim it-Test, Għarfien il-Lingwa, il-Grammatika, u l-Malti Komunikattiv (li jinkludi Komponiment, Rapport, u Ittra).
  2. It-Tieni Karta A (sagħtejn) (Letteratura): l-antoloġija Bejn Ħaltejn
    1. Referenza għall-Kuntest mill-antoloġija (Poeżija)
    2. Referenza għall-Kuntest mill-antoloġija (Proża)
    3. 3 Komponimenti Letterarji fuq l-antoloġija. 
  3. It-Tieni Karta B (sagħtejn) (Letteratura): l-antoloġija Bejn Ħaltejn
    1. Referenza għall-Kuntest mill-antoloġija (Poeżija) 
    2. Referenza għall-Kuntest mill-antoloġija (Proża)
    3. 2 Komponiment Letterarji fuq l-antoloġija

L-Iskema tal-Eżami

Jingħataw żewġ karti ta’ sagħtejn il-waħda. 

L-Ewwel Karta (Lingwa: 50% tal-marka globali)

Din tinħadem mill-kandidati kollha, u tikkonsisti minn żewġ taqsimiet: 

L-Oral (15-il minuta + 5 minuti ħin preparatorju; 7.5% tal-marka globali). Il-kandidati jingħataw 5 minuti ħin preparatorju qabel ma jidħlu quddiem l-eżaminatur tal-Oral. F’dawn il-5 minuti l-kandidati jippreparaw ruħhom fuq dak li jkunu se jwieġbu. L-Oral għandu dawn it-tliet komponenti:

  1. Il-Qari (2 marki) – tingħata silta mhux letterarja ta’ madwar 80 kelma; il-kandidati jkollhom minuta biex jaqrawha b’vuċi għolja quddiem l-eżaminatur.
  2. Is-Smigħ (5 marki) – L-eżaminatur jaqra darba biss silta oħra mhux letterarja ta’ 100 kelma b’vuċi għolja u l-kandidati jkollhom 5 mistoqsijiet b’għażla multipla (multiple choice). Dan irid isir f’6 minuti u kull mistoqsija tingħad darbtejn biss.
  3. Żewġ Diskussjonijiet (4 + 4 marki) – Żewġ diskussjonijiet fuq (a) temi kurrenti u (b) temi kulturali:
    1. Temi Kurrenti - Diskussjoni fuq temi kurrenti (4 marki) – il-kandidati jingħataw żewġ temi kurrenti marbutin mal-ħajja ta’ kuljum u jagħżlu tema minnhom u jiddiskutuha mal-eżaminatur għal 4 minuti kull waħda. It-temi jinkludu:
      1. l-ambjent tad-dar
      2. l-ambjent naturali
      3. id-divertiment
      4. l-ivvjaġġar
      5. iż-żgħożija
      6. ix-xiri
      7. il-kura tas-saħħa
      8. l-edukazzjoni
      9. il-ġrajjiet kurrenti
    2. (b) Temi marbuta mal-kultura lingwistika f’Malta – Diskussjoni fuq temi kulturali (4 marki) – il-kandidati jingħataw żewġ temi marbuta mal-kultura lingwistika f’Malta bħall-bilingwiżmu, il-Malti Safi, it-tagħlim tal-lingwi barranin, u l-kontribut tal-awturi li ġejjin għall-iżvilupp tal-Malti:
      1. Gan Franġisk Agius De Soldanis
      2. Mikiel Anton Vassalli
      3. Ġan Anton Vassallo
      4. Ġużè Muscat Azzopardi
      5. Dun Karm Psaila
      6. Pietru Pawl Saydon
      7. Ninu Cremona
      8. Ġużè Aquilina

Il-Kitba (siegħa u tliet kwarti; 5% tal-marka globali). Din it-taqsima għandha dawn il-komponenti:

  1. Fehim it-Test (12-il marka): il-kandidati jridu jwieġbu mistoqsijiet fuq silta ta’ madwar 400 mitt kelma. Il-mistoqsijiet ikunu ta’ xeħta referenzjali u inferenzjali. Is-silta ma tkunx letterarja. F’dan it-taħriġ l-ortografija ma tiġix eżaminata imma mistenni li jkun hemm użu grammatikali tajjeb.
  2. Għarfien il-Lingwa (10 marki): Il-kandidati jingħataw taħriġ fuq il-lingwa tas-silta mogħtija f’Fehim it-Test. F’din il-parti l-kandidati jkunu ggwidati billi jingħataw minn liema paragrafu jkunu jridu jsibu t-tweġiba tagħhom.
  3. Grammatika (14-il marka): Din il-part ma tkunx marbuta mas-silta ta’ Fehim it-Test. Il-kandidati jingħataw taħriġ biex juru li jafu r-regoli tal-Malti u jridu jkunu jafu: il-morfoloġija, it-testwalità, il-lessiku, u s-sintassi. Dan is-sillabu ma jeżaminax verbi irregolari u kliem arkajku. Għaldaqstant l-eżami ma jitlobx għarfien grammatikali ta’ verbi bħal iżża, idda, ħa, ta, ra, qal (jgħid), kien, kiel, ġie, emmen, mar, jaf, kellu.
  4. Malti Komunikattiv li jinkludi: Komponiment (25 marka), Rapport (12-il marka), u Ittra (12-il marka).

Il-Komponiment: (350 kelma) il-kandidati jingħataw erba’ titli ta’ komponiment. Wieħed ta’ xejra narrattiva, wieħed ta’ xejra deskrittiva, wieħed ta’ xejra argumentattiva, u wieħed ta’ xejra espożitorja. Il-kandidati jridu jagħżlu wieħed minnhom u jiktbu komponiment fuqu.

Ir-Rapport (80 kelma): il-kandidati jingħataw żewġ rapporti u jridu jagħżlu wieħed minnhom. Iridu jkunu kapaċi jiktbu rapport li fih jiżviluppaw argument sistematiku li jenfasizza l-punti sinifikanti u d-dettalji relevanti li jsaħħu dawk il-punti.

L-Ittra (80 kelma): il-kandidati jingħataw żewġ ittri u jridu jagħżlu waħda minnhom.  Dan it-taħriġ jeżamina l-kitba tal-ittra formali u informali kif ukoll tal-ittra elettronika formali. Fl-ittra elettronika l-kandidati jridu jiktbu skont ir-regoli tal-ortografija.

 

It-Tieni Karta (Letteratura: sagħtejn, 50% tal-marka globali)

It-test magħżul: l-antoloġija Bejn Ħaltejn.

Ikun hemm żewġ verżjonijiet ta’ din il-Karta: it-Tieni Karta A u t-Tieni Karta B. It-Tieni Karta A jkun fiha mistoqsijiet li jeħtieġu livell ogħla ta’ preparazzjoni mit-Tieni Karta B. Il-kandidati jridu juru fuq l-applikazzjoni tagħhom liema verżjoni tat-Tieni Karta jixtiequ jagħmlu. Ma jitħallewx jibdlu l-għażla tagħhom wara li jagħlaq il-perjodu tar-reġistrazzjoni.

It-Tieni Karta A:

  1. Referenza għall-Kuntest mill-antoloġija (Poeżija): jingħataw mistoqsijiet fuq żewġ poeżiji u l-kandidati jridu jwieġbu fuq waħda minnhom (20 marka).
  2. Referenza għall-Kuntest mill-antoloġija (Proża) minbarra Il-Ħarsa ta’ Rożann: jingħataw mistoqsijiet fuq żewġ siltiet ta’ proża u l-kandidati jridu jwieġbu fuq waħda minnhom (20 marka).
  3. 2 Komponimenti Letterarji fuq l-antoloġija, minbarra Il-Ħarsa ta’ Rożann (200 kelma il-wieħed): jingħataw tliet mistoqsijiet u l-kandidati jridu jwieġbu tnejn biss (15+15-il marka).
  4. Komponiment Letterarju fuq Il-Ħarsa ta’ Rożann (400 kelma): jingħataw żewġ mistoqsijiet u l-kandidati jridu jwieġbu mistoqsija waħda (30 marka)

It-Tieni Karta B:

  1. Referenza għall-Kuntest mill-antoloġija (Poeżija): jingħataw mistoqsijiet fuq żewġ poeżiji u l-kandidati jridu jwieġbu fuq waħda minnhom (20 marka).
  2. Referenza għall-Kuntest mill-antoloġija (Proża) minbarra Il-Ħarsa ta’ Rożann: jingħataw mistoqsijiet fuq żewġ siltiet ta’ proża u l-kandidati jridu jwieġbu fuq waħda minnhom (20 marka).
  3. Komponiment Letterarju fuq l-antoloġija minbarra Il-Ħarsa ta’ Rożann (200 kelma): jingħataw żewġ mistoqsijiet u l-kandidati jridu jwieġbu mistoqsija waħda (30 marka).
  4. Komponiment Letterarju fuq Il-Ħarsa ta’ Rożann (200 kelma): jingħataw żewġ mistoqsijiet u l-kandidati jridu jwieġbu mistoqsija waħda (30 marka)

Riżultati

Il-kandidati li jagħżlu l-Ewwel Karta u t-Tieni Karta A jistgħu jiksbu minn Grad 1 sa Grad 5 (jiġifieri, Gradi 1, 2, 3, 4, jew 5). Min iġib inqas minn Grad 5 jibqa’ U (Unclassified). 

Il-kandidati li jagħżlu l-Ewwel Karta u t-Tieni Karta B jistgħu jiksbu grad li ma jkunx ogħla minn Grad 4 (jiġifieri, il-Gradi 4, 5, 6, jew 7). Min ma jġibx Grad 7 jkollu U(Unclassified).

 

Sors: Sillabu tal-Malti taċ-ĊES 2018